top of page

Is-Sitwazzjoni ta' Vittmi ta' Stupru

Vittmi ta' stupru f'Malta

X'inhu raxkament?

Ir-raxkament, magħruf mat-tobba bħala dilatation and curettage (D&C), huwa proċedura kirurgika. L-għonq tal-utru jinfetaħ bi strumenti u mbagħad il-ħajt ta' ġewwa tal-utru jiġi mqaxxar u l-kontenuti jinġibdu 'l barra bi strumenti forma ta' mgħarfa. Il-mara tista tkun taħt loppju ġenerali (mraqqda kollha) jew tista tingħata biss loppju lokali.

Din il-proċedura tintuża prinċipalment biex tiċċekkja hemmx kanċer tal-utru, biex jitneħħew biċċiet tas-sekonda wara t-twelid jekk din ma toħroġx kollha. Rarament, tip ta' raxkament b'vacuum jintuża biex jitneħħa embrijun mejjet wara korriment.

 

Tista' tikseb iktar informazzjoni dwar ir-raxkament hawnhekk.

Vera li jintuża fuq nisa vittmi ta' stupru f'Malta? Vera li vittmi ta' stupru jiġu "mnaddfin" jiekk imorru l-isptar biex ma joħorġux tqal?


Vittmi nisa ta' stupru ma jsirilhomx raxkament jew xi tip ta' "washout"; fil-fatt nisa li jkun se jsirilhom raxkament jiġu avżati biex ma jkollomx x'jaqsmu mill-aħħar period sad-data tal-proċedura. Din hi regola li kull tabib f'Malta irid iżomm, u jekk il-mara kellha x'taqsam qabel ir-raxkament dan ma jkunx jista jsir. Test tat-tqala negattiv mhux biżżejjed għaliex dan jista ma jindunax bi tqala bikrija. Tobba li ma jżommux ma din ir-regola jirriskjaw li jiġu akkużati li kkaġunaw abort, li jġorr piena ta' 4 snin ħabż u r-revoka tal-liċenza ta' tabib għal għomor.

Għalhekk, l-użu ta' raxkament għal vittmi ta' stupru f'Malta hija ħrafa. Vittmi ta' stupru ma jiġux "imnaddfa" wara r-reat.

Il-liġi ta' Malta ma tippermettix abort lanqas f'każijiet ta' stupru. Dan ifisser li mara li toħroġ tqila minn stupru jew inċest m'għandiex għażla ħlief li twelled.

 

 

Il-Morning After Pill tingħata fl-isptar Mater Dei?

Il-morning after pill ilha li ddaħlet Malta snin, imma għal xi raġuni għada MHIX tingħata lill-vittmi ta' stupru fl-isptar Mater Dei. Dawn il-vittmi sikwit jinżammu l-isptar u ma jkunux jistgħu imorru fi spiżerija biex jixtruha. Ħafna drabi dawn in-nisa jkollhom joqogħdu fuq qraba jew ħbieb biex jixtrulhom il-morning after pill meta jiftħu l-ispiżeriji, imma mhux il-vittmi kollha jkollhom lil xi ħadd li jista' jgħinhom. Iktar kemm iddum ma tittieħed il-morning after pill, inqas din għandha ċans li taħdem, u l-morning after pill hija l-unika rikors li għandhom vittmi ta' stupru f'Malta biex jevitaw tqala u twelid li ma jridux.

Tista' tikseb aktar informazzjoni fuq il-morning after pill hawnhekk.

bottom of page