Raxkament
Ir-raxkament huwa proċedura ġinekoloġika komuni ħafna u għandu numru ta' użi. L-isem bl-Ingliz ta' din il-proċedura - dilation and curettage - jagħti indikazzjoni tajba ta' dak li jinvolvi r-raxkament: twessija taċ-ċerviċi (l-għonq tal-utru) u brix (curettage) tal-kontenut jew ta' l-inforra ta' l-utru.
Il-Proċedura
Raxkament ġeneralment jitqies bħala proċedura minuri u jista' jitwettaq taħt loppju lokali, sedazzjoni ħafifa, jew taħt loppju ġenerali. L-ewwel pass huwa li t-tabib iħares iċ-ċerviċi billi juża spekulum, u mbagħad iċ-ċerviċi titwessa (titkabbar) billi jiddaħħlu dilataturi ta' daqs dejjem akbar. Dan jippermetti l-curette - strument kirurġiku b'ċirku jaqta f'tarf wieħed u manku fit-tarf l-ieħor - biex jiddaħħal fl-utru. Kultant curette b'vacuum. L-inforra jew il-kontenut tal-utru huma mbagħad mibruxa bil-mod, miġbura u mibgħuta lil laboratorju għal aktar analiżi. Kultant strument bil-kamera jiddaħħal ukoll biex jippermetti lit-tobba jaraw il-parti ta' ġewwa ta' l-utru.
Indikazzjonijiet għal D&C
Raxkament jista' jintuża biex jiġu identifikati problemi fl-utru, jew bħala trattament.
Fin-nisa tqal, raxkament jintuża fi tqala bikrija biex jitneħħi korriment mhux komplut, jew biex isir abort kirurġiku.
Fin-nisa li għadhom kemm welldu, raxkament jista' jintuża biex jitneħħew biċċiet tal-plaċenta (s-sekonda) li ma ħarġux.
F'nisa li mhumiex tqal, raxkament ħafna drabi tintuża bħala parti mill-investigazzjonijiet fuq nisa li jaraw id-demm wara l-menopawsa. Raxkament jippermetti lit-tobba jiksbu kampjuni taċ-ċelloli fl-inforra tal-utru li mbagħad jintbagħtu lill-laboratorju għall-analiżi. Ix-xjenzati tal-laboratorju u l-patoloġisti jeżaminaw il-kampjuni taħt il-mikroskopju u jistgħu jidentifikaw ċertu problemi bħall-kanċer endometrijali. Raxkament jippermetti wkoll lit-tobba jneħħu ċertu problemi, bħal polipi tal-utru u ċertu tipi ta fibrojdi fl-utru.
Kumplikazzjonijiet tar-raxkament
Bħal kull proċedura oħra, hemm kumplikazzjonijiet li jistgħu jseħħu matul jew wara raxkament.
Infezzjoni hija l-iktar kumplikazzjoni komuni, speċjalment meta raxkament isir fuq nisa tqal. Din tiġi tratta bl-antibijotiċi.
Perforazzjoni tal-utru m'hijiex komuni iżda tista' sseħħ, speċjalment meta raxkament isir wara korriment. Rari ħafna, organi madwar l-utru jistgħu iġarrbu ħsara wkoll.
Adeżjonijiet (adhesions) ġewwa l-utru ukoll rarament jistgħu iseħħu wara raxkament. Dawn jistgħu jkunu problema jekk il-mara tinqabad tqila fil-futur, u jistgħu jikkawżaw kumplikazzjonijiet tat-tqala bħal tqala ektopika, korriment, jew problemi bil-plaċenta (is-sekonda).
Jista' jkun hemm problemi relatati mal-loppju li jingħata waqt il-proċedura. It-tabib tiegħek jispjegalek dan f'iktar dettall.