top of page

L-Intrauterine Device (IUD)

X'inhu?

​

L-intrauterine device huwa kontraċettiv li jitpoġġa direttament fl-utru u jista jintesa għal ftit snin. Huwa kontraċettiv perfett għal dawk in-nisa li ma jixtiequx ikollhom jiftakru jiehu pillola kuljum, jew ma jixtiequx jiddependu fuq kondoms.

 

Hemm zewġ tipi ta' intrauterine device (IUD): il-copper IUDs ( jissejħu wkoll il-copper coil) u il-hormone IUDs (jissejħu wkoll intrauterine system jew IUS).

Hormone IUD

L-IUDs bil-hormones jinkludu l-Mirena, li sservi madwar 5 snin, u Jaydess, li sservi madwar 3 snin. L-IUDs bil-hormones għandhom riserva tal-mediÄ‹ina levonorgestrel, li tipproteÄ¡ik mit-tqala. Dawn il-prodotti ma fihomx il-hormone oestrogen. Il-Mirena normalment hija offruta lil dawk in-nisa li welldu fil-passat. Il-Jaydess hija ideali għal dawk in-nisa li għadhom qatt ma welldu.

Copper IUD

Copper coils jinkludu l-Flexi T u l-Eurogine, li jservu madwar 5 snin, u l-Monalisa li sservi madwar 10 snin. Il-copper coils għandhom wire ta' ram (copper) madwar iframe tal-plastiku ma fihomx hormones. Dawn il-prodotti huma popolari fost in-nisa li ma jistgħux jużaw hormones ħabba raġunijiet ta' saħħa jew side effects.

​

Meta jkun imaħħal sew, l-IUDs kollha huma madwar 99% effettivi kontra t-tqala. L-IUDs tal-hormones huma użati ukoll għal ċertu problemi ta' saħħa bħal periods qawwijin.

​

​

Kif jiddaħħal l-IUD?

 

L-IUDs jiddaħħlu mill-maġġoranza tal-ġinekologi f'Malta fil-kliniki tagħhom bi proċedure sempliċi li ddum biss ftit minuti. Kumplikazzjonijiet serji huma rari.

​

Qabel jiddaħħal, it-tabib irid jiċċekja li m'intix tqila għaliex jekk IUD jiddaħħal meta jkun hemm tqala jista' jikkaġuna problemi. It-tabib jista' wkoll jittestjak għal mard trasmiss sesswalment.

​

It-tabib normalment juża ftit loppju lokali (tibqa mqajma) qabel jiddaħħal l-IUD. Il-proċedura rari tikkaġuna uġieħ. Waqt il-proċedura jiddaħħal speculum fil-vaġina u mbagħad jiddaħħal l-IUD mill-għonq tal-utru għal ġo l-utru nnifsu. Wara l-proċedura t-tabib jgħallmek kif tiċċekkja li l-IUD ikun għadu f'postu.

​

Wara 3 sa 5 snin l-IUD irid jitnehha fi proċedura simili. Jekk il-mara tkun tixtieq IUD ieħor dan jista' jiddaħħal fl-istess proċedura.

​

​

Xi tħoss meta jkollok IUD?

 

Ma tħoss xejn, ħlief li jekk iddaħħal subgħajk fil-vaġina tista ssib spaga ħierġa mill-IUD.

​

​

X'jiġri mill-period meta jkollok IUD?

​

Bl-IUDs tal-hormones il-periods jiħfiefu u jistgħu saħansitra jieqfu għal kollox. Dan ma jfissirx li int tqila. Bil-copper coil hemm ċans li l-periods isiru iktar qawwijin.

​

​

L-IUDs jikkaġunaw abort?

 

Le. L-IUDs huma tip ta' kontraċezzjoni u jipprevjenu t-tqala, mhux itemmuha.

​

​

X'jiġri jekk tinqabad tqila meta jkollok IUD?

​

L-IUDs huma fost l-aktar kontraċettivi effettivi, u t-tqala hija rari ħafna. Jekk l-IUD tfalli għal xi raġuni u toħroġ tqila, jista' jikkawża xi kumplikazzjonijiet fit-tqala. Pereżempju, hemm riskju ogħla min-normal ta' tqala ektopika jekk toħroġ tqila b'IUD. Jekk ikollok test tat-tqala pożittiv b'IUD f'postu, għandek tara lit-tabib tiegħek malajr.

​

​

Kemm iqum l-IUD u fejn nista' nagħmlu?

​

F'Malta l-IUD normalment isir fi klinki privati bħall-Isptar St James, u jitħallsu mill-but. Il-Mirena tqum madwar 180 EUR, apparti l-ispejjeż tal-klinika u tat-tabib. Il-Jaydess tqum madwar 145 EUR. Il-copper coil huwa irħas u jqum xi 80 EUR. Żomm f'moħħok li l-IUDs iservu għal snin, allura jistgħu ikunu irħas minn kontraċettivi oħra.

​

Jekk tbati minn periods tqal jew ikollok uġigħ qawwi waqt il-periods, tista' tkun eliġibbli għal hormone IUD fuq is-servizz tas-saħħa nazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, għandek tkellem lit-tabib tal-familja tiegħek biex jirreferik għall-Isptar Mater Dei. Jekk għandek bżonn l-IUD biss għall-kontraċezzjoni, dan ikollu jsir privatament. Jekk għandek bżonn għajnuna finanzjarja biex tħallas għall-IUD, ikkuntatja lill-Fondazzjoni Women for Women.

​

Ara ukoll dan il-video dwar l-IUD (bl-Ingliż):

​

​

Għad għandek xi mistoqsijiet dwar l-IUDs? Fittex fin-Knowledge Base (bl-Ingliż).

bottom of page