top of page

Liġi ta' Malta dwar l-Abort

Jekk jogħġbok innota: Nemmnu bis-sħiħ li restrizzjonijiet legali m'għandhomx ikunu ta' ostaklu għall-aċċess għall-abort. Jekk għandek bżonn abort għal kwalunkwe raġuni, jekk jogħġbok aqra l-paġna ta' informazzjoni dwar l-abort.

Wieħed mill-għanijiet ta’ Doctors for Choice huwa li tikkampanja għad-dekriminalizzazzjoni tal-abort f’Malta. Dan jista' jinstema' qisu kunċett kumpless, iżda fil-fatt huwa pjuttost sempliċi. Bħalissa, nisa li jagħmlu abort f’Malta jistgħu jeħlu sa massimu ta’ tliet snin ħabs. Tobba li jgħinu lin-nisa jagħmlu abort f’Malta jiffaċċjaw massimu ta’ erba’ snin ħabs u revoka permanenti tal-liċenzja tagħhom. Il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta (Liġi Kriminali) jgħid:

Artiklu 241.(1) Kull min b’ikel, b’xorb, b’mediċini, jew bi vjolenza, jew b’kull mezz ieħor, jikkaġuna l-abort ta’ mara tqila, sew bil-kunsens kemm ukoll mingħajr il-kunsens tagħha, jeħel, meta jinsabħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa tliet snin.

Artiklu 241. (2) L-istess piena tingħata kontra l-mara li tikkaġuna l-abort fuqha nfisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie ikkaġunat.

Artiklu 243. Kull  tabib,  kirurgu,  ostetriku  jew  spiżjar  illi  xjentement ikun wera jew ta l-mezzi li jkunu ikkaġunaw l-abort, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa erba’snin u l-piena tal-interdizzjoni perpetwa mill-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.

 

M'hemm l-ebda eċċezzjoni fil-liġi li tippermetti abort meta s-saħħa tal-mara tkun f’riskju, f’każi ta’ malformazzjoni severa tal-fetu, jew f’każi ta’ stupru jew inċest. Dan ifisser li l-liġi ta’ Malta dwar l-abort hija l-aktar waħda inumana fl-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, huwa rari li n-nisa f’Malta jiġu mħarrka talli għamlu abort. Ħadd ma tressaq il-Qorti f’Malta talli għamel abort  fl-aħħar ħames snin, u ħadd ma weħel il-ħabs talli għamel abort fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena. Dan minkejja li s-servizzi tat-telemediċina tal-abort (magħrufa wkoll bħala pilloli tal-abort bil-posta), bħal dawk ipprovduti minn Women on Web u Women Help Women, spiss jintużaw minn nisa f'Malta.

Id-dekriminalizzazzjoni tal-abort tfisser li l-abort ma jibqax jitqies bħala att kriminali. Dan ma jfissirx li l-abort ma jsirx regolat, iżda jkun regolat bħal kull proċedura oħra medika u kirurġika, u mhux permezz ta’ pieni fil-Kodiċi Kriminali. L-artikoli rilevanti li jikkriminalizzaw l-abort għandhom jiġu revokati kompletament.

 

Ir-Royal College of Obstetricians and Gynecologists (RCOG) u r-Royal College of General Practitioners (RCGP) ħadu pożizzjonijiet uffiċjali favur id-dekriminalizzazzjoni tal-abort.

 

Irrispettivament mill-fehmiet personali tiegħek dwar l-abort, tippreferi tikkastiga lin-nisa li għamlu abort (li wħud minnhom jistgħu jkunu l-familja u l-ħbieb tiegħek) billi ġġielhom jaffaċċjaw sentenza ta’ ħabs sa tliet snin? Jew tippreferi tgħinhom u tappoġġjahom? Nittamaw li tippreferi tgħinhom.

 

Il-liġi Maltija li tikkriminalizza l-abort ukoll twaqqaf lin-nisa li jeħtieġu attenzjoni medika wara abort milli jfittxu l-għajnuna, u tagħmel l-abort aktar riskjuż għal kull min għandu bżonn abort f’Malta. Huwa għalhekk importanti li l-abort jiġi dekriminalizzat.  Appoġġa lil dawk ta’ madwarek u lill-maħbubin tiegħek billi tkun favur id-dekriminalizzazzjoni tal-abort.

Importanti li tkun taf: Il-liġi Maltija tapplika biss għat-territorju ta’ Malta. Dan ifisser li l-liġi ta’ Malta dwar l-abort tikkriminalizza biss l-aborti li jsiru f’Malta. Huwa legali li residenti Maltin jagħmlu abort barra minn Malta, sakemm dan isir skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

bottom of page