top of page
Untitled design - 2021-03-04T213435.224.

Kif Isir l-Abort

L-abort huwa t-terminazzjoni ta' tqala biex b'hekk ma tirriżultax f'wild. Il-maġġoranza ta' aborti jsiru fl-ewwel għaxar ġimgħat tat-tqala. Ġeneralment, iktar kemm abort isir kmieni fit-tqala inqas ikun hemm ċans ta' kumplikazzjonijiet.

​

Hemm żewġ metodi kif abort jista' jseħħ. Metodu minnhom jissejjaħ abort mediku, u jinvolvu t-teħid ta' pilloli li jtemmu t-tqala u jikkaġunaw korriment. Il-metodu l-ieħor jissejjaħ abort kirurġiku, u dan iseħħ fi klinika fejn jintużaw strumenti biex titneħħa t-tqala mil-utru.

​

Abort mediku, li jissejjaħ ukoll abort bil-pilloli, sar l-iktar metodu preferut tal-abort. Dan għaliex il-mediċini li jagħmlu l-abort jistgħu jintużaw mill-mara nnifisha fid-dar tagħha sa' tnax-il ġimgħa tqala. Ħafna nisa jippreferu dan il-metodu, anka f'pajjiżi fejn l-abort huwa legali u hemm kliniki aċċessibli, minħabba li jkunu jistgħu jagħmlu l-proċess fil-privatezza ta' darhom. Il-maġġoranza ta' nisa li jużaw dan il-metodu (madwar 19 minn kill 20) ma jkollhom bżonn l-ebda għajnuna minn tabib.

​

Hemm diversi mediċini u sustanzi li jistgħu jikkaġunaw abort, iżda t-tnejn l-aktar użati llum il-ġurnata huma Mifepristone u Misoprostol.

Kif Isir Abort bil-Pilloli

Kif isir abort bil-pilloli (abort mediku)

Mifepristone (l-isem antik tiegħu huwa RU-486) huwa mediċina li twaqqaf l-ormon tat-tqala progesterone milli jaħdem. Mifepristone jittieħed qabel Misoprostol u jipprepara l-utru biex jeħles mit-tqala, u jikkaġuna l-għonq ta' l-utru jinfetaħ. Id-doża normali ta' Mifepristone hija ta' 200mg. Mifepristone jiġi bħala pillola waħda li tinbela ma' l-ilma.

​

Erbgħa u għoxrin siegħa wara li jittieħed Mifepristone tittieħed doża ta' 800mcg Misoprostol. Il-pilloli ta' Misoprostol jitpoġġew taħt l-ilsien għal tletin minuta. Misoprostol jikkaġuna l-utru jingħafas u jimbotta 'l barra t-tqala. Il-korriment normalment jibda minn ftit minuti sa ftit sigħat wara li jittieħed Misoprostol.

​

Skond linji gwida ta' l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), Mifepristone u Misoprostol jistgħu jintużaw id-dar sa' tnax-il ġimgħa tqala. 'Il fuq minn tnax il-ġimgħa, dawn għandhom jittieħdu taħt sorvelljanza fi klinika jew sptar, minħabba l-fatt li r-riskju ta' kumplikazzjonijiet jiżdiet iktar kemm tkun avvanzata t-tqala.

​

Korriment wara li jittieħdu l-pilloli tal-abort huwa simili ħafna għal korriment li jseħħ b'mod naturali. Huwa normali li l-mara tesperjenza uġiegħ konsiderevoli għal ftit sigħat u tara demm bil-clots. F'madwar każ wieħed minn kull għoxrin, il-ġisem tal-mara ma jirnexxilux jeħles mit-tqala kollha u xi biċċiet jibqgħu ġo l-utru. F'dawn il-każijiet ikun hemm bżonn ta' intervent minn tabib biex jitneħħew il-biċċiet li jifdal, inkella jkun hemm riskju ta' infezzjoni ġo l-utru. Dan l-intervent jista' jsir f'kull sptar li jittratta nisa li qed ikorru, u mhemmx għalfejn tkun klinika tal-abort.

​

F'każijiet rari ħafna (inqas minn każ wieħed minn kull ħamsin) it-tqala tkompli minkejja li jkunu użati l-pilloli tal-abort. Biex tiċċekja jekk l-abort kienx suċċess, il-mara tista' tagħmel test tat-tqala tal-awrina tliet ġimgħat wara li tuża l-pilloli, jew inkella tirranġa biex ikollha ultrasound minn għaxart ijiem wara li tuża l-pilloli. Jekk it-tqala ma tkunx intemmet, jista' jittieħed kors ieħor ta' pilloli tal-abort jew isir abort kirurġiku.

Kif Isir Abort Kirurġiku

Kif isir abort kirurġiku

Abort kirurġiku jsir fi kliniki u sptarijiet apposta. Minħabba li l-abort mhux legali f'Malta, in-nisa f'Malta jkollhom isiefru barra l-pajjiż biex ikollhom abort kirurġiku.

​

Minkejja li jissejjaħ "kirurġiku" dan it-tip t'abort ma jinvolvix il-qtiegħ ta' ġilda jew punti għaliex it-tqala titneħħa mil-vaġina. Il-mod ta' kif iseħħ abort kirurġiku jiddependi minn kemm hi avvanzata t-tqala. Ġeneralment, iktar kemm tkun avvanzata t-tqala, iktar tkun estensiva l-proċedura u iktar tkun għalja.

​

Fi tqaliet ta' inqas minn erbatax-il ġimgħa, abort kirurġiku jseħħ permezz ta' proċedura li tissejjaħ aspirazzjoni. Tubu żgħir jiġi introdott fl-utru u jiġbed it-tqala mil-utru. Din il-proċedura hija waħda sempliċi u ssir fi ftit minuti. Normalment ikun hemm bżonn biss ta' ftit loppju lokali madwar l-għonq tal-utru. Jekk il-mara tħossha skomda, jista' jingħata wkoll kalmant ħafif.

​

Fi tqaliet 'il fuq minn erbatax-il ġimgħa, ikun hemm bżonn proċedura ftit iżjed estensiva li tissejjaħ dilazzjoni u evakwazzjoni. Kif jimplika isimha, din tinvolvi id-dilazzjoni (twessiegħ) tal-għonq tal-utru u l-evakwazzjoni (tneħħija) tat-tqala mil-utru bl-użu ta' strumenti bħal forceps. Din il-proċedura tirrikjedi l-użu ta' loppju ġenerali u għalhekk iddum ftit iżjed minn aspirazzjoni. Għal din il-proċedura normalment tqatta kważi ġurnata sħiħa fil-klinika, u jista' jkun hemm bżonn tmur il-klinika ġurnata qabel il-proċedura biex jibda l-proċess li jitwessa' l-għonq tal-utru.

Woman reading a leaflet before taking a red pill sitting on a sofa in the living room in a

Wara abort huwa normali li l-mara tara d-demm għal numru ta' ġranet, anke sa ftit ġimgħat. Madanakollu, l-maġġoranza tan-nisa li jkollhom abort jirkupraw malajr u ma jkollhom l-ebda kumplikazzjoni. Ħafna nisa jkunu jistgħu imorru lura għar-rutina normali tagħhom fi żmien ġurnata jew tnejn. F'numru zgħir ta' każijiet jibqgħu xi biċċiet tat-tqala fl-utru li jirrikjedu proċedura żgħira oħra biex jitneħħew.

​

Kumplikazzjonijiet rari li jistgħu iseħħu wara abort huma infezzjoni fl-utru, ħsara lil-utru mill-istrumenti li jintużaw, u telf ta' ħafna demm.

​

Statistikament, il-ħlas iġorr miegħu iktar riskju ta' kumplikazzjonijiet minn abort. Iċ-ċans ta' mewt mill-użu ta' pilloli tal-abort huwa erbgħa darbiet inqas miċ-ċans ta' mewt mill-użu ta' Viagra. L-abort ma jaffetwax iċ-ċansijiet li l-mara terġa' tinqabad tqila fil-futur.

bottom of page