top of page

L-Abort f'Malta: Kulma trid tkun taf

Kif tordna pilloli tal-abort onlajn, jew kif tikseb abort fi klinika barra minn Malta.

Nifhmu li dan jista' jkun żmien diffiċli għalik. Li tiddeċiedi li ma tixtieqx tkompli bi tqala mhux dejjem hi deċiżjoni faċli. Aħna ktibna din il-paġna biex inwasslu informazzjoni fuq is-suġġett ta' l-abort, u ngħinu lil nisa Maltin jiddeċiedu għalihom infushom. Aħna qatt ma ngħidu lin-nisa jekk dawn għandhomx jkollhom abort; din hija deċiżjoni li l-mara biss tista' tieħu.

F'Malta, l-abort huwa legali biss meta l-ħajja tal-mara tkun f'riskju. Minkejja dan, huwa rari ħafna li l-liġi tiġi enforzata, u mijjiet ta' nisa Maltin jagħmlu abort kull sena billi billi jordnaw pilloli tal-abort u jużawhom id-dar, jew billi jsiefru u jmorru fi kliniki tal-abort barra minn Malta. L-ebda mara f'Malta ma ntbagħtet il-ħabs minħabba abort fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena.

Iż-żewġ mezzi ewlenin li bihom nisa Maltin jagħmlu abort huma:

billi jordnaw pilloli abortivi minn fuq l-internet u jagħmlu abort fid-dar tagħhom stess,

jew billi jsiefru u jmorru fi kliniki tal-abort barra minn Malta.

Kif isir l-abort

L-abort huwa proċess fejn tqala tintemm biex ma tirriżultax fit-twelid ta' tarbija.

 

Nisa li jixtiequ jtemmu t-tqala tagħhom normalment jistgħu jagħżlu bejn abort mediku jew abort kirurgiku. Abort mediku jinvoli l-mara tieħu żewġ pilloli (mifepristone u misoprostol) li jwaqqfu t-tqala, u abort kirurgiku jinvolvi proċedura żgħira u ta' malajr biex titneħħa t-tqala. Abort mediku (bl-użu ta' pilloli biss) sar l-iktar mezz ta' abort popolari madwar id-dinja, u tista' tagħmlu l-mara stess fid-dar tagħha fl-ewwel tnax-il ġimgħa tqala.

Din it-tabella turik liem metodi tal-abort huma disponibbli fi stadji differenti ta' tqala.

Metodi differenti tal-abort skond l-istadju tat-tqala

* Mhux kull klinika toffri abort kirurġiku fl-istadji bikrin ħafna tat-tqala.

Tista' wkoll tuża din l-app interattiva onlajn biex issib il-metodi u l-għażliet tal-abort disponibbli għalik fl-istadju tat-tqala tiegħek.

L-abort, kemm mediku u kemm kirurgiku, ma tantx iġarrab riskji kbar. Fil-fatt, statistikament, nisa għandhom inqas ċans imutu kaġun ta' abort milli kaġun ta' ħlas. Madanakollu, bħal kull proċedura l-abort fih certu riskji li għandek tkun taf dwarhom. L-iktar komuni hija infezzjoni ta l-utru, li tiġi trattata b'antibijotiċi. It-tieni l-aktar kumplikazzjoni komuni hija li ċertu prodotti tat-tqala jibqaw fl-utru, u dawn imbgħad jitneħħew fi proċedura oħra.

Qis li tkellem lit-tabib tiegħek jew tmur l-isptar jekk wara abort ikollok wieħed minn dawn is-sintomi:

  • Uġieħ qawwi

  • Ħafna demm speċjalment jekk bil-clots

  • Jitlagħlek id-deni

  • Ikollok xi discharge jinten mill-parti tiegħek għax dan jista jindika infezzjoni.

Tibżax tfittex l-għajnuna, anke jekk użajt pilloli tal-abort. Dan għaliex mhemmx mod definittiv kif tabib jista' jkun ċert jekk korriment kienx naturali jew bediex ħabba l-użu ta' pilloli tal-abort.

 

Il-websajt tas-servizz tas-saħħa Ingliż għandu iktar informazzjoni fuq il-proċedura ta' l-abort:

https://www.nhs.uk/conditions/abortion/

Informazzjoni dwar l-abort
Pilloli Abortivi

Abort bil-pilloli

Pilloli abortivi jistgħu jintużaw id-dar sa 12-il ġimgħa tqala, skond l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Fil-maġġorparti ta' każijiet ma jkunx hemm bżonn ta' ultrasound qabel jew wara abort bil-pilloli, u l-maġġoranza assoluta (aktar minn 95%) ta' nisa li jużaw pilloli tal-abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tqala ma jkollom bżonn l-ebda intervent minn tabib.

Fornituri ta' pilloli tal-abort

 

Minħabba li l-abort huwa illegali, il-pilloli li jintużaw għal abort mhumiex normalment disponibbli minn spiżeriji f'Malta. Madanakollu, huwa fatt magħruf li n-nisa jordnaw pilloli għall-abort onlajn mingħand dawn l-organizzazzjonijiet ta' fama tajba:

 

 

Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu servizz ta' abort bil-pilloli minn fuq l-internet lil nisa f'pajjiżi fejn l-abort huwa ristrett, inkluż Malta. Il-proċess biex tordna l-pilloli minn dawn l-organizzazzjonijiet huwa wieħed sempliċi, li jinvolvi li tmur fuq il-websajt tagħhom u timla' formola online, tħallas donazzjoni ta' madwar 100 Ewro, u wara li t-tabib tagħhom jagħti l-approvazzjoni, jibagħtulek il-pilloli bil-posta fuq l-indirizz li tagħtihom. Il-pilloli ġeneralment jaslu fi żmien 1-3 ġimgħat. L-immaġini t'hawn taħt tispjega dan il-proċess fil-qosor. Hemm xi differenzi zgħar bejn dawn l-organizzazzjonijiet li huma dettaljati hawn.

Online Consultation (920 × 300 px).png

Pilloli tal-abort għal użu fil-futur

Women on Web ukoll jipprovdu pilloli tal-abort lil persuni li għadhom mhumiex tqal, biex ikunu jistgħu jużawhom fil-futur. Aktar informazzjoni dwar dan is-servizz tinstab hawn

Il-proċess ta' abort bil-pilloli

Hemm żewġ tipi ta' pilloli li jintużaw għall-abort: Mifepristone (RU-486 jew Mifeprex) u Misoprostol (Cytotec jew Cytotecal). Ħafna drabi dawn jiġu pprovduti f'pakkett wieħed bħal Termipil Kit. Mifepristone tittieħed l-ewwel, u ġurnata wara tittieħed Misoprostol.

Termipil kit

Mifepristone hija mediċina li twaqqaf l-effett tal-hormone naturali tat-tqala progesterone u tipprepara l-utru għall-abort. Din il-mediċina trattab l-għonq tal-utru u tagħmel l-abort iktar faċli. Id-doża ta' Mifepristone hija normalment 200mg meta tintuża fl-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala, u mbagħad madwar 24 u 48 sigħa wara l-Mifepristone tittieħed it-tieni pillola - Misoprostol.

 

Misoprostol hija mediċina li tikkawża l-muskoli tal-utru jingħafsu u b'hekk it-tqala tiġi mneħħija. Wara li tittieħed il-Misoprostol il-mara tesperjenza korriment, li jinħass qisu period qawwi b'demm u uġiegħ konsiderevoli. Id-dosa ta' Misoprostol hija normalment 800mcg, u din tista' tiġi repetuta kull 3 siegħat sakemm it-tqala titneħħa. Il-pilloli tal-Misoprostol jinżammu taħt l-ilsien għal 30 minuta. Misoprostol tista tittermina t-tqala waħedha, pero meta tintuża ma' Mifepristone għandha iktar ċans ta' suċċess.​

L-uġigħ wara li jittieħed Misoprostol jista' jkun qawwi. Pero' dan l-uġigħ jista' jittaffa permezz ta' painkillers tal-klassi NSAIDs bħal Nurofen (Ibuprofen), li jista' jinxtara mingħajr riċetta ta' tabib. L-ewwel dosa ta' painkiller għandha tittieħed madwar siegħa qabel Misoprostol, u mbagħad għandhom jittieħdu iktar dosi ta' painkiller kull ftit sigħat sakemm itaffi l-uġigħ u d-demm.

Mifepristone u Misoprostol flimkien huma 99% effettivi biex jitterminaw it-tqala. Jekk Misoprostol jintuża waħdu r-rata ta' suċċess tkun bejn 92% u 98%. Tista' tikkonferma li t-tqala ntemmet billi tagħmel test tat-tqala tliet ġimgħat wara l-pilloli, jew tirranġa li jkollok ultrasound għaxart ijiem wara l-pilloli.

Ara dan il-filmat dwar kif isir l-abort bil-pilloli:

Jekk għandek bżonn l-għajnuna...

Minħabba li l-abort huwa illegali f’Malta, ħafna nisa jibżgħu ljfittxu l-għajnuna meta jagħmlu abort bil-pilloli d-dar. Hemm żewġ servizzi li jistgħu jgħinuk f'dawn is-sitwazzjonijiet:

Abort barra minn Malta

Abort fi klinika jew sptar barra minn Malta

Jekk trid l-għajnuna biex tippjana jew tħallas għal abort barra minn Malta, ikkuntattja lil Abortion Support Network. Din hija organizzazzjoni bbażata fl-Ingilterra li tgħin nisa minn Malta jibbukjaw appuntamenti fi kliniki tal-abort u jirranġaw titjiriet u akkomodazzjoni. Jistgħu ukoll jgħinuk tħallas parti mill-ispejjeż.

Meta tagħżel pajjiż li fih ikollok abort, żomm f'moħħok li pajjiżi differenti għandhom limiti ta' ġestazzjoni (limiti tat-tqala) differenti sa meta huwa permess l-abort. Fir-Renju Unit, l-abort huwa permess sa 24 ġimgħa f'ħafna każijiet, għalkemm m'hemm l-ebda limitu f'każijiet t'anomalija tal-fetu jew jekk hemm riskju għall-ħajja tal-mara. Tista' tibda billi tħares lejn il-websajt tal-British Pregnancy Advisory Service (BPAS), li għandha ħafna informazzjoni dwar il-kliniċi tal-abort fir-Renju Unit u tgħidlek ukoll kemm jiġi jqum abort.

Jekk ma tistax tivvjaġġa lejn ir-Renju Unit għal xi raġuni jew oħra, u teħtieġ informazzjoni dwar il-kliniċi tal-abort fiż-Żona Schengen, jekk jogħġbok ikkuntatja lil Abortion Support Network. Tista' ssib ukoll lista ta' kliniċi tal-abort fl-Ingilterran, l-Olanda u Spanja li jaċċettaw nisa minn Malta hawnhekk.​

Agħfas fuq il-bandieri fuq din il-mappa għal aktar informazzjoni fuq il-pajjiżi fejn in-nisa Maltin jistgħu ikollhom abort:

Untitled (1080 × 1080 px).png

Meta tfittex għal-kliniċi tal-abort, ikkunisdra fejn huma u kemm huma faċli (jew mhux faċli) biex tilħaqhom minn Malta. Trid ukoll tikkonsidra l-ispejjeż tat-titjira, l-ivvjaġġar mill-ajruport, u l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni. Ħafna mill-kliniċi tal-abort għandhom websajts li jindikaw il-prezzijiet biex ikollok abort. Għandu jkollok riżervi finanzjarji suffiċjenti, għax minkejja li mhumiex komuni, kumplikazzjonijiet jistgħu jseħħu wara abort u l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar tiegħek probabbli ma koprix dawn l-ispejjeż. Jekk possibbli, għandek tivvjaġġa ma' ħbieb li tafda jew membri tal-familja.

Jekk ser tivvjaġġa għal-abort x'aktarx tkun trid tagħżel abort kirurġiku minflok abort bil-pilloli. Abort kirurġiku fuq tqala sa 15-il ġimgħa jitwettaq b'aspirazzjoni (vacuum aspiration), li tinvolvi l-għoti ta' loppju lokali madwar l-għonq tal-utru u l-użu ta' kannula biex tiġbed it-tqala. Għandek tistenna li tkun fil-klinika għal 3-4 sigħat għal din il-proċedura. Il-prezz ta' din il-proċedura normalment ikun ta' madwar 800 Ewro.

Abort kirurġiku fuq tqala ta' 'l fuq minn 15-il ġimgħa jsir permezz ta' dilazzjoni u evakwazzjoni tal-utru (dilatation and evacuation). Din il-proċedura teħtieġ loppju ġenerali (iraqqduk kollok), u jkollok bżonn tkun fil-klinika għal kważi ġurnata sħiħa. Ikollok ukoll bżonn tattendi l-klinika ġurnata qabel il-proċedura għal dak li jissejjaħ cervical preparation. Il-prezz ta' din il-proċedura normalment ikun ta' bejn 1,500 u 2,000 Ewro.

Qabel ma tivvjaġġa, kun żgur li taf l-istorja medika tiegħek, liema mediċini tieħu, u jekk għandekx xi allerġiji. Jekk għandek xi dubju, staqsi lit-tabib tal-familja tiegħek għal din l-informazzjoni. Il-fornitur tal-kura barrani mhux se jkollu aċċess għar-rekord mediku lokali tiegħek, u se jiddependi fuqek biex ikollok din l-informazzjoni disponibbli.​​

Ikseb l-għinuna: FPAS Malta

Jekk trid titkellem ma' xi ħadd li huwa pro-choice dwar l-għażliet tiegħek: Ikkuntattja FPAS Malta

FPAS (Family Planning and Pregnancy Advisory Service) joffri pariri b’xejn u kunfidenzjali lin-nisa f’Malta li għandhom bżonn jiddiskutu l-għażliet fuq it-tqala, inkluż l-abort. L-FPAS jipprovdi informazzjoni affidabbli u imparzjali dwar is-servizzi tal-abort u jista' jirreferik għand organizzazzjonijiet oħra pro-choice jekk ikun hemm bżonn.

 

L-FPAS huwa mmexxi minn voluntiera pro-choice u huwa kkoordinat u appoġġat minn tliet NGOs Maltin: Doctors for Choice, il-Women's Rights Foundation, u Women for Women.

 

Ċempel il-linja ta’ għajnuna tal-FPAS fuq 2778 0037 jew 2034 1686, jew fuq freephone 8006 2857, jew żur il-websajt tagħhom fuq www.fpas.mt

Oqogħdu attenti...

Ma tantx huwa faċli tikseb informazzjoni fattwali fuq l-abort f'Malta, lanqas mis-servizz tas-saħħa pubbliku. Aħna ukoll nissuġġerixxu li n-nisa jkunu attenti qabel jagħmlu kuntatt ma' servizzi ta' sapport lokali, għaliex ħafna minnhom huma mmexxija minn gruppi kontra l-għażla ta' l-abort, u kien hemm rapporti ta' nisa jiġu mxekkla milli jagħżlu l-abort. Per eżempju, Life Line Malta u Dar Tgħanniqa t'Omm humma mmexxija mill-organizzazzjoni Life Network Foundation, li hija konta l-għażla tal-abort, u HOPE hija inizzjattiva ta' Gift of Life Malta. Dejjem iċċekkja min hu wara s-servizz ta' sapport u x'valuri jħaddnu qabel tiddeċiedi li tagħtihom informazzjoni personali.

Oqogħdu speċjalment attenti għal dawk li joffru trattament biex twaqqaf jew treġġa lura l-effett tal-pilloli abortivi. M'hemm l' ebda evidenza li dawn it-trattamenti jaħdmu, u jistgħu ikollhom effetti negattivi serji fuq is-saħħa tal-mara.

Mistoqsijiet Komuni

Għal lista kompluta ta' mistoqsijiet u tweġibiet, irreferi għaċ-Ċentru ta' Għajnuna tagħna. Din li ġejja hija għażla tal-aktar mistoqsijiet u tweġibiet komuni.

Mistoqsijiet Frekwenti
bottom of page