Search
  • Doctors for Choice

"Post-Abortion Syndrome" ma teżistix




Is-sindrome ta' wara l-abort, jew post-abortion syndrome, ġiet msemmija għall-ewwel darba fl-1981 minn attivista kontra l-abort bl-isem ta' Vince Rue. Flimkien mal-psikologa Anne Speckhard, Rue ddefinixxa s-sindrome fl-1992 bħala forma ta' mard mentali li tixbaħ stress post-trawmatiku (kodiċi ICD-10 F43.1), li sseħħ wara abort. It-terminu post-abortion syndrome jinstab ukoll f'ħafna websajts kontra l-abort jew "favur il-ħajja" (pro-life).


Dawk li huma kontra l-abort isostnu li ħafna nisa jiżviluppaw problemi mentali wara abort b'sintomi ta' dipressjoni, ansjetà, u sens ta' telf u dieqa. Din id-dijanjosi falza tintuża minn dawk kontra l-abort biex jargumentaw kontra l-abort, u jipproġettaw lilhom infushom bħala li jimpurtahom mis-saħħa tan-nisa.


Issa għaddew 40 sena minn meta ssemmiet din is-"syndrome", u xorta waħda għadha ma tidhirx fl-ebda sistema ta' klassifikazzjoni tal-mard, bħal ICD-10 jew DSM-V. Dan għaliex mhijiex sindrome reali u m'hemm l-ebda evidenza xjentifika li turi li teżisti xi sindrome ta' wara l-abort. Fil-fatt, ix-xjenza tindika l-oppost. Studji li saru fuq nisa li kellhom abort juru li aktar minn 95% minnhom iħossu li ħadu d-deċiżjoni t-tajba, u l-iktar sentiment komuni wara abort huwa sens ta' serħan il-moħħ. Il-minoranza ta' nisa li jesperjenzaw in-niket jew sens ta' telfa wara abort normalment iħossuhom aħjar wara ftit snin.


Il-biża' bil-mard mentali tintuża minn dawk li jopponu l-abort biex jintimidaw in-nisa tqal, biex jistigmatizzaw soċjalment l-abort, u biex jagħmlu l-aċċess għall-abort aktar diffiċli.


Dak li verament iżid l-istress mentali lil nisa bi tqala mhux mixtieqa huwa l-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tal-abort, mhux il-proċedura tal-abort innifisha. Kieku l-abort kien legali, in-nisa bi tqala mhux mixtieqa jkunu jistgħu jiftħu qalbhom, ifittxu pariri u counselling, u jiksbu l-għajnuna li għandhom bżonn anke jekk din l-għajnuna tkun abort. Jekk verament jimpurtana mis-saħħa mentali tan-nisa, niffaċilitaw l-aċċess għall-abort u ma nfixkluhomx.


Aqra iżjed:

- Rocca et al. (2020) "Emotions and decision rightness over five years following an abortion: An examination of decision difficulty and abortion stigma" https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0277953619306999

- American Psychological Association comment on abortion and mental health: https://www.apa.org/pi/women/programs/abortion/index